MALTISEK + 1, u MALTISEK + 2

 

 

 

 

MALTISEK + 1, u MALTISEK + 2:

Żewġ kotba għall-istudenti tal-Malti fil-livell SEC/ĊES

 

Pubblikazzjoni: Miller Distributors Ltd. 2012

Awtur/i: Tarcisio Zarb u oħrajn

Disinn tal-kotba: Manwel Cassar

Disinn tal-faċċata: Jason Buħagiar

 

Kors sħiħ ta’ tagħlim-tgħallim tal-Malti

MALTISEK + 1, u MALTISEK + 2, huma żewġ kotba, maħsuba għall-istudenti u l-għalliema tal-klassijiet għoljin fil-livell Sekondarju, li l-għan tagħhom huwa li jservu bħala kors sħiħ li gradatament iwassal għall-eżami tal-Malti fil-livell SEC, jiġifieri ċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja (ĊES). Fl-istess ħin iservi wkoll għal skop ta’ tagħlim-tgħallim, tħarriġ u assessjar fil-klassijiet għoljin tas-Sekondarja. Ix-xogħol kollu f’dawn iż-żewġ kotba tewmin, inbena gradatament matul meddet is-snin, sforz l-esperjenza pedagoġika tal-individwi kollha involuti f’din il-ħidma, xejn inqas tal-istudenti.

 

L-ewwel ktieb huwa dwar l-aspett orali, tal-kitba u tal-letteratura f’termini ta’ karti ta’ eżaminijiet, flimkien ma’ tagħrif dwar aspetti lingwistiċi u kulturali kif jitlob l-eżami SEC/ĊES, kif ukoll flimkien ma’ tagħrif ieħor b’mod speċjali dwar il-kitba tal-ittri u l-posta elettronika.

 

It-tieni ktieb min-naħa l-oħra huwa sors ta’ għarfien u nebħ kritiku dwar l-antoloġija ‘Bejn Ħaltejn’ li hija t-test issettjat għall-eżami fil-livell SEC/CES, kif ukoll tagħrif ieħor imsieħeb b’ritratti u xogħlijiet artistiċi dwar l-aspetti varji li jsawru ktieb tal-letteratura. Ma jonqosx ukoll li f’dan il-ktieb ikun hemm tagħrif dwar il-figuri tad-diskors, li kif nafu huma l-ħobż u l-ġobon ta’ kull kitba letterarja.

 

Il-kitbiet kollha li nsibu f’dawn iż-żewġ kotba huma kitbiet li nġabru minn sorsi varji, bil-għan li l-lingwa Maltija tiġi mistħarrġa f’kompendju kemm jista’ jkun wiesa’ u miftuħ. Għaldaqstant ingħatat importanza kbira lil sorsi ta’ websajts varji kif ukoll ġurnali u rivisti, li fihom insibu ħafna kitbiet, rapporti u tagħrif, li jitkellmu dwar ir-realtijiet ta’ żmienna b’dehwa, ħila u enerġija. B’dan il-mod ma nkunux qegħdin ningħalqu f’aspett wieħed biss ta’ lsienna.

 

Dawn il-kotba huma riżorsa tajba li għandha tgħin biex it-testi ssettjati jkunu jistgħu jiġu mistħarrġa b’mod pedgoġiku dejjem aħjar.